12/10/2017
TISLIMA LILL-POETA NAZZJONALI
Ix-xahar t’Ottubru huwa marbut mat-twelid u l-mewt tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm, li twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 t’Ottubru 1871 u miet San Ġiljan nhar it-13 t’Ottubru 1961.
Għal darb’oħra, il-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Akkademja tal-Malti u d-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni, se jfakkru lill-Poeta Nazzjonali b’attivitajiet li se jsiru fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton, Ħ’Att**d, mal-monument ta’ Dun Karm fil-Furjana, kif ukoll f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-Ħadd 15 t’Ottubru 2017, se ssir serata kommemorattiva bit-tema: “Lil din l-Art Ħanina,” fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton, Ħ’Att**d, fis-7:00 ta’ filgħaxija. Is-serata qed tiġi organizzata taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca. Fis-serata se jieħdu sehem il-grupp muzikali Skald, li se jinterpreta poeziji ta’ Dun Karm fosthom Lill-Bandiera Maltija u Lil Mikiel Anton Vassalli. Se jkun hemm preżentazzjoni dramatizzata mill-istudent tal-Iskola tad-Drama, u taħdita dwar il-Poeta Nazzjonali fejn se jieħdu sehem Kit Azzopardi, Dr Adrian Grima, u Joanne Sciberras. L-Onor. Ministru Owen Bonnici, Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u l-Eċċ. Tagħha l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, se jindirizzaw ukoll lill-mistiedna.
L-Erbgħa 18 t’Ottubru 2017, studenti mill-Iskola Primarja tal-Furjana se jfakkru l-Poeta Nazzjonali b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-mafkar ta’ Dun Karm fil-Furjana fil-11:00 ta’ filgħodu, filwaqt li l-għada, l-Ħamis 19 t’Ottubru 2017, se ssir attività fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ li tiġi segwita b’korteo u ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-qabar tal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm, li jinstab fl-istess lokalità. Din l-attività qed tiġi koordinata mid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni.