11/06/2026
Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista jitlob azzjoni immedjata dwar l-illegalità fl-Armier u konsistenza fil-ħarsien tal-art pubblika
X’qed tistenna l-Awtorità tal-Ippjanar biex tinforza Avviż ta’ Infurzar li ħarġet hi stess b’rabta ma’ dan l-iżvilupp illegali? Il-PN jappella lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Artijiet biex jaġixxu mill-aktar fis
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fl-Armier, fejn struttura illegali allegatament kompliet tinbena minkejja rapporti, twissijiet u Avviż ta’ Infurzar maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan il-każ, li nġieb għall-attenzjoni mill-Malta Ranger Unit (MRU) u li ġie rrappurtat fil-media, iqajjem mistoqsijiet serji dwar kemm l-awtoritajiet verament qed jinfurzaw il-liġijiet li suppost iħarsu l-art, l-ambjent u l-interess pubbliku. Skont rapporti fil-media, il-Malta Ranger Unit kienet diġà qajmet tħassib dwar dan is-sit qabel l-elezzjoni, imma minkejja f’dan kif għaddiet l-elezzjoni x-xogħlijiet allegatament komplew b’ritmu aktar mgħaġġel. U minn ftit blokki tal-konkrit mitfugħa fil-post ftit jiem qabel l-elezzjoni issa f’inqas minn ġimagħtejn fis-sit tiela’ dik li tidher li hi villa.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li dak li qed jiġri fl-Armier mhuwiex każ iżolat ta’ żvilupp kontroversjali, iżda eżempju ċar ta’ sistema ta’ infurzar li qed tonqos milli taġixxi fil-ħin. Meta tinħareġ Enforcement Notice u x-xogħlijiet allegatament ikomplu xorta waħda, il-messaġġ li jintbagħat huwa perikoluż ħafna li min jikser il-liġi jista’ jibqa’ għaddej sakemm il-ħsara tkun saret.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jappoġġja s-sejħa tas-Sindku Nazzjonalista tal-Mellieħa Gabriel Micallef biex l-Awtorità tal-Ippjanar tinforza l-avviżi tagħha stess u taġixxi minnufih. Mhux biżżejjed li, skont rapporti, l-Awtorità qed timmulta lill-iżviluppatur u qed titolbu biex fi żmien ħmistax jirrestawra s-sit għall-istat oriġinali tiegħu.
Agħar minn hekk, il-Partit Nazzjonalista jinnota bi tħassib il-fatt li l-illegalità qed isseħħ fuq art pubblika. Ghaldaqstant il-Gvern ma jistax jibqa’ passiv jew sieket. L-Awtorità tal-Artijiet għandha tispjega x’azzjoni ħadet biex tħares art pubblika u għaliex din is-sitwazzjoni tħalliet teskala b’dan il-mod.
Huwa ironiku kif fl-istess waqt li għaddej dan kollu fl-Armier u l-Gvern mhu qed jagħmel xejn, 16-il xahar wara li għadda art agrikola f’Wied iż-Żrinġ qrib Bulebel fiż-Żejtun lura għand l-Awtorità tal-Artijiet mingħand l-awtorità tiegħu INDIS u naqas li jagħmel kundizzjoni li din l-art ma tiġix żviluppata, issa Robert Abela qed jiftaħar li l-ewwel deċiżjoni tal-Kabinett f’din il-leġiżlatura kienet biex f’dan il-każ jibda l-proċess biex din l-art agrikola titneħħa miż-żona tal-iżvilupp – kif kienet appellatlu l-Oppożizzjoni f’April tas-sena l-oħra.
Din id-deċiżjoni turi li, fejn ikun hemm rieda politika, il-Gvern jista’ jieħu passi biex iħares art fl-interess pubbliku. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex l-istess prinċipju mhux qed jiġi applikat b’mod konsistenti fil-Mellieħa fejn dan tal-Armier mhux l-ewwel każ ta’ żvilupp fuq art pubblika li qajjem tħassib.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ħarsien tal-art, l-infurzar tal-liġi u d-difiża tal-interess pubbliku m’għandhomx jiddependu minn fejn tinsab l-art, min hu involut, jew jekk il-każ jiġix qabel jew wara elezzjoni.
Jekk il-Gvern kellu r-rieda politika jaġixxi dwar Bulebel, għandu jkollu l-istess rieda politika dwar dak li qed jiġri fil-Mellieħa, inkluż fl-Armier.
Jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet Avviż ta’ Infurzar fl-Armier, wieħed ma jifhimx x’qed tistenna biex tara li dan jiġi infurzat b’azzjoni effettiva li twaqqaf dan l-iżvilupp illegali.
U jekk illegalità qed isseħħ fuq art pubblika, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Gvern għandhom jaġixxu mingħajr aktar dewmien.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jitlob lill-Gvern, lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità tal-Artijiet biex jagħtu spjegazzjoni ċara u jieħdu azzjoni immedjata dwar dan il-każ.
11.06.2026